Għall-istudenti tal-edukazzjoni ogħla, ir-riżultati ma jingħatawx lill-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni riċeventi. Għall-volontiera tal-Erasmus+ u l-istudenti fl-ETV, ir-riżultati ma jingħatawx awtomatikament lil organizzazzjoni(jiet) oħra fil-proġett. Huma biss inti u l-istituzzjoni inkarigata mill-għażla tiegħek jew li qed tikkoordina l-proġett ta' volontarjat tiegħek, li tirċievu r-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-lingwa tiegħek.
Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-lingwa OLS ma jimpedixxu lil ħadd milli jieħu sehem fil-programm ta’ mobilità tal-Erasmus+ jew tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Ir-riżultati jistgħu jintużaw mill-istituzzjoni mittenti jew l-organizzazzjoni koordinatriċi biex jidentifikaw il-parteċipanti li għandhom l-aktar bżonn ta’ appoġġ lingwistiku.
Fil-każ tal-istudenti ta’ edukazzjoni ogħla, u f’każijiet fejn il-livell tal-lingwa rrakkomandat mill-organizzazzjoni riċeventi ma jintlaħaqx, issir diskussjoni bejn l-istudent u l-istituzzjoni ta' edukazzjoni ogħla biex jiġi diskuss l-appoġġ meħtieġ mill-istudent.
Jekk il-livell tal-lingwa tiegħek ma jinbidilx matul iż-żjara tiegħek barra l-pajjiż, dan ma jkollu ebda konsegwenza negattiva diretta għall-parteċipazzjoni tiegħek fil-programm tal-Erasmus+ jew tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà– madankollu, biex ikollok l-aħjar esperjenza matul iż-żjara tiegħek barra l-pajjiż, għandek timpenja ruħek biex titgħallem il-lingwa tal-istudji, ix-xogħol jew l-attivitajiet tal-volontarjat tiegħek.
Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tuża d-data kompluta tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-lingwa għal skopijiet ta’ statistika biex tevalwa l-impatt tal-programm.